Il-kumpanija li tmexxi l-ajruport laqgħet id-deċiżjoni tal-Gvern li jinfetaħ mill-ġdid l-ajruport minn u lejn 19-il destinazzjoni mill-1 ta’ Lulju li ġej.
Fi stqarrija l-kumpanija qalet li minkejja li l-iskeda ta’ titjiret se tkun lejn numru żgħir ta’ postijiet, il-ftuħ mill-ġdid tal-ajruport huwa l-ewwel pass importanti sabiex l-industrija tal-avjazzjoni lokali u dik turistika jibdew jirkupraw.
Il-kumpanija qalet li sabiex is-saħħa u s-sigurtà ta’ dawk li se jsiefru u l-impjegati, u b’kollaborazzjoni mal-awtortajiet rilevanti, l-ajruport se jevalwa mill-ġdid l-esperjenza tal-passiġġier u jintroduċi miżuri ta’ mitigazzjoni ma’ kull fejn imissu l-passiġġiera.
Filwaqt li se tkompli tagħmel l-almu tagħha sabiex dawk kollha li se jsiefru jagħmlu dan b’mod sigur, l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta appella għall-koperazzjoni sabiex jinżamm ambjent sigur f’kull ħin.