L-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta ffirma ftehim kollettiv ġdid mal-General Workers Union u l-UĦM Voice of the Workers, iż-żewġ unjins li jirrappreżentaw madwar 76% tal-impjegati tal-kumpanija. Il-ftehim, li jkopri perjodu ta’ ħames snin bejn l-2023 u l-2027, tejjeb il-pakkett eżistenti tal-impjegati b’għadd ta’ benefiċċji ġodda.
Mingħajr ma jitqies kwalunkwe aġġustament għall-għoli tal-ħajja, l-impjegati tal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta ser ikunu qegħdin jibbenefikaw minn żidiet annwali fil-paga. Ġie rrivedut il-benefiċċju tal-irtirar għal kull sena ta’ servizz mal-ajruport bħala apprezzament tal-lealtà ta’ ħaddiema li jkunu waslu fi tmiem il-karriera tagħhom. Il-ftehim introduċa wkoll ir-raba’ bonus għall-imġjegati li huwa marbut mal-prestazzjoni ambjentali tal-kumpanija.
Permezz tal-ftehim iddaħħlu xi kategoriji ġodda ta’ leave, bħall-carers’ leave u l-pet bereavement leave, sabiex jgħinu lill-impjegati f’mumenti diffiċli. Il-kumpanija għażlet ukoll li żżid jumejn leave tal-paternità mal-10 li huma stipulati fil-liġi ta’ Malta, filwaqt li l-leave tal-maternità qiegħed ikompli jiġi offrut f’konformità mal-leġiżlazzjoni lokali.
L-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta kien irrappreżentat mill-Kap Eżekuttiv Alan Borg, l-Uffiċjal Finanzjarju Ewlieni Karl Dandler u l-Kap tad-Dipartiment tar-Riżorsi Umani Tina Lombardi.
“Nemmnu li l-pakkett li nnegozjajna ser jgħinna nżommu ħiliet u għarfien importanti fil-kumpanija, filwaqt li nattiraw talent ġdid hekk kif inkomplu naħdmu fuq il-viżjoni ambizzjuża tagħha għall-ajruport,” qalet Tina Lombardi.