L-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta sostna li mhux qed jiġi affettwat mid-deċiżjoni li ħa l-President Amerikan Donald Trump fejn issospenda d-dħul ta’ ċittadini minn għadd ta’ pajjiżi Musulmani biex jidħlu fl-Istati Uniti.
Kelliema għall-ajruport spjegat li peress li minn Malta m’hemm l-ebda titjira diretta lejn l-Amerka, id-deċiżjoni Amerikana mhux tolqotna.
Madankollu sorsi mill-ajruport sostnew ma’ dan is-sit elettroniku li kien hemm numru żgħir ta’ persuni fosthom Sirjani li ma tħallewx jitilqu minn Malta meta kienu sejrin lejn destinazzjoni oħra biex imbagħad minn hemm jaqbdu ajruplan ieħor lejn l-Amerka.
Minkejja dan, il-kelliema għall-ajruport sostniet li d-dħul tal-passiġieri lejn destinazzjoni jew oħra hija f’idejn l-kumpaniji tal-ajru li joperaw mill-ajruport Malti.
Diversi Qrati mferxin madwar l-istati differenti fl-Amerka ħarġu b’deċiżjoni li jissospendu l-azzjoni eżekuttiva li iffirma Trump.
Madankollu l-White House iddefendiet ir-restrizzjonijiet bħala miżuri ta’ sigurtà meħtieġa u li din il-projbizzjoni fuq għadd ta’ ċittadini m’hiex immirata lejn il-Musulmani.