Bejn Jannar u Settembru ta’ din is-sena, l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta ġġenera dħul ta’ €107.8 miljun u għamel profitt nett ta’ €39.5 miljun.
Dan tħabbar fi stqarrija mill-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta, fejn intqal li dawn ir-riżultati nkisbu f’kuntest ta’ traffiku tal-passiġġiera b’saħħtu, tant li f’dan il-perjodu msemmi, il-mitjar Malti laqa’ 6,896,928 passiġġier.
Dan filwaqt li n-nefqa kapitali għall-ewwel disa’ xhur ta’ din is-sena kienet ta’ €39.7 miljun, hekk kif il-kumpanija kompliet ix-xogħlijiet fuq proġetti infrastrutturali, inkluż il-kostruzzjoni ta’ Apron 8 South, l-ewwel fażi tal-Proġett tat-Tkabbir tat-Terminal u l-iżvilupp tal-VIP Terminal.