L-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta naqqas l-emissjonijiet tal-gassijiet serra bi kważi 700 tunnellata fl-2015, filwaqt li naqqas l-emissjonijiet tas-CO2 minn 2.29 kilos għal kull passiġġier għal 1.98 kilo, li jfisser titjib ta’ 13.5%
Din l-informazzjoni toħroġ mir-Rapport dwar is-Sostenibbiltà tal-ajruport li ġie kkumpilat f’konformità mal-linji gwida tal-Global Reporting Initiative (GRI), li huma użati fuq livell globali.
Ir-rapport jiżvela wkoll li l-MIA injettat aktar minn €58 miljun fl-ekonomija lokali fl- 2015 f’forma ta’ kostijiet tal-operat, pagi, benefiċċji, pagamenti lill-Gvern u investimenti fil-komunità lokali.
L-ajruport ser jissieħeb mal-programm imsejjaħ Airport Carbon Accreditation, biex b’hekk l-impronta tal-karbonju tal-ajruport tiġi evalwata b’mod indipendenti skont l-istandard ISO14064 (Kontabbiltà għall- Gassijiet Serra).