L-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta intensifika x-xogħlijiet ta’ tħejjija sabiex jilqa’ l-ewwel passiġġieri mill-1 ta’ Lulju li ġej b’mod sigur.
L-Ajruport implimenta sett ta’ miżuri li huma mmirati li jħarsu s-saħħa kemm tal-passiġġieri u kemm tal-impjegati tal-ajruport. Dawn il-miżuri jikkonsistu mid-distanza soċjali u proċessi li ma jirrikjedux kuntatt bejn il-passiġġieri u l-ħaddiema.
Se jkun hemm ukoll prattiċi ta’ iġjene u tim apposta msejjaħ Airport Care Team.
L-ajruport għamel ukoll xi bidliet f’kif il-passiġġieri jgħaddu mit-terminal, bil-għan li r-rotot li jużaw il-passiġġieri u dawk li jużaw il-viżitaturi jkunu separati.
Il-Kap Eżekuttiv tal-kumpanija li tmexxi l-Ajruport Alan Borg qal li dawn il-miżuri ser iwasslu għal esperjenza fl-ajruport kemmxejn differenti, iżda jittama li jgħinu sabiex il-pubbliku jerġa’ jħossu komdu jivvjaġġa ladarba l-ajruport jiftaħ il-bibien fi ftit tal-jiem oħra.
Bħala parti minn pjan ta’ saħħa u sigurtà, il-kumpanija investiet ukoll f’teknoloġiji ġodda li ser jgħinu sabiex proċessi bħaċ-check-in isiru b’kuntatt minimu bejn il-passiġġieri u l-ħaddiema.
L-Airport Care Team ser ikun qiegħed idur mat-terminal sabiex jipprovdi l-assistenza meħtieġa lill-passiġġieri filwaqt li jiżgura li jibqgħu osservati l-linji gwida dwar is-saħħa u s-sigurtà.