Il-sena li għaddiet l-ajruport internazzjonali ta’ Malta kellu żieda ta’ aktar minn 13% fil-passiġġieri, bil-Kap Eżekuttiv tal-MIA, Alan Borg jinnota li x-xhur tax-xitwa kibru b’pass aktar mgħaġġel mill-eqqel tas-sajf.
Is-Sur Borg qal li s-sena li għaddiet intlaħaq rekord ġdid għall-ajruport meta għaddew minnu aktar minn sitt miljun u tmien mitt elf passiġġieri u kiser ir-rekord milħqu fl-2017.
Huwa qal li għal din is-sena, il-kumpanija qed tbassar li t-traffiku tal-passiġġieri jiżdiedu b’aktar minn 392,000 passiġġier, żied ta’ kważi 6% meta mqabbel mas-sena li għaddiet.
Il-pajjiż bl-ikbar ammont ta’ passiġġieri baqa’ r-Renju Unit b’1.6 miljun passiġġier waqt li l-ajruport ta’ Gatwick kien l-iżjed li minnu ġew nies bi kwazi 400,000 wasla.
Il-linji tal-ajru Ryanair u Air Malta baqgħu l-ikbar żewġ linji tal-ajru li ġabu passiġġieri lejn Malta, hekk kif bejnithom ġarru kważi 4.5 miljun passiġġier. Ir-Ryanair ġarret 11% iżjed passiġġieri fl-2018 filwaqt li l-Air Malta ġarret 22% iżjed mill-2017. Il-Kap Eżekuttiv tal-Ajruport Alan Borg innota li l-iskeda tas-sajf li ġej se tara 18-il żvilupp ġdid foshtom b’titjiriet lejn l-Amman.
Is-Sur Borg qal ukoll li f’Marzu ta’ din is-sena se jitlesta l-proġett tat-terminal filwaqt li se jiġi finalizzat id-diżinn tal-proġett Skyparks 2, li b’investiment ta’ €40 miljun se jwassal għall-ewwel business hotel f’pajjiżna.
Matul din is-sena wkoll se jsiru l-pjanti għall-proġett ta’ żona tar-rampa ġdida, kif ukoll żvilupp fil-proġett ta’ parkeġġ ġdid.
Il-Ministru għat-Turiżmu Konrad Mizzi faħħar it-tkabbir fejn qal li l-Ajruport huwa post ta’ infrastruttura kritika f’pajjiżna u għalhekk jistħoqqlu importanza kbira.
“Tkabbir kbir mill-airlines kollha b’mod partikolari mill-Air Malta u r-Ryanair, fejn illum il-ġurnata il-Malta International Airport għandu iktar rotot lejn l-Ewropa milli hemm f’London Heathrow. Din hija ħaġa li hija pożittiva ħafna. Huwa pożittiv ħafna għal fatt li din is-sena, l-2019, se naqbżu is-seba’ miljun passiġġier li se jgħaddi mill-Malta International Airport li hija xi ħaġa li qas konna noħolmuha”.
Il-Ministru Mizzi qal ukoll li tul din is-sena l-Air Malta se tkompli l-istrateġija ta’ tkabbir filwaqt li tikkonsolida s-servizz li toffri:
“Din is-sena l-Air Malta se tkun qed tiffoka fuq it-titjib tal-operat tagħha, servizz ferm aħjar u se nħarsu wkoll lejn North Africa. Fil-fatt qed nikkunsidraw li nżidu rotta lejn l-Eġittu”.