L-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta għadu kemm lesta investiment ta’ aktar minn miljun ewro li permezz tiegħu seta’ jinbena solar farm bil-kapaċità li jiġġenera mal-mega watt ta’ enerġija nadifa mix-xemx.
Dan l-impjant ta’ panelli fotovoltajiċi se jikkumpliementa sistema kbira oħra li l-ajruport għandu installata fuq il-bejt tiegħu.
L-Inġinier Kevin Alamango li jmexxi t-taqsima teknika tal-ajruport spjega li mill-pannelli ta’ fuq il-bejt biss l-ajruport iġġenera biżżejjed elettriku għal erbgħin dar residenzjali u b’din is-sistema din il-kapaċità se tittrippla.
Alamango spjega li “Għadna kemm investejna f’dan l-impjant li huwa ta’ 1 megawatt peak li bażikament dan iktar milli jittriplika l-ġenerazzjoni rinovabbli milli kellna s-sena l-oħra. qed ngħidu aktar minn 1,600,000 unit fis-sena.”
Dan l-impjant kbir solari li jinsab mal-ġenb tal-mitjar mhux l-unika miżura li qed jieħu l-ajruport favur l-ambjent. Filfatt tul ix-xhur li għaddew inbidlu diversi sistemi antiki ma dawk moderni li jikkunsmaw anqas dawl.
“Fost miżuri oħrajn li qed nieħdu huma li nużaw kemm jista’ jkun vetturi elettriċi, qed nużaw ħafna sistemi aktar effiċjenti ta’ arju kundizzjonata. qed nagħmlu titjib fil-lifts u escalators li huma aktar effiċjenti u qed ninvestu wkoll f’ħafna dwal li nużaw fl-airfield li huma aktar effiċjenti biex inkomplu nnaqqsu l-carbon footprint tagħna”, sostna Alamango.
Fil-fatt, permezz ta’ ftehim iffirmat mal-Kunsill Internazzjoanli tal-Ajruporti, il-mitja Malti huwa kommess li sas-sena 2050 jelimina l-emmissjonijiet li jkun qed jiġġenera.