“Orqod b’għajn waħda miftuħa” u “Aħna nafu fejn toqgħod”. Dawn kienu żewġ messaġġi ta’ theddid li nkitbu fuq żewġ ajruplani tal-karti li lbieraħ intefgħu minn dimostranti li nġabru quddiem il-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija fil-Floriana jsejħi għar-riżenja tal-Kummissarju tal-Pulizija u l-Avukat Ġenerali.
Bħad-dimostrazzjonijiet li saru fl-aħħar ġimgħat, id-dimostrazzjoni tal-bieraħ kompliet iżżid mal-antagoniżmu li l-Partit Nazzjonalista qiegħed irewwaħ b’mod personali fil-konfront tal-Kummissarju tal-Pulizija, is-Sur Lawrence Cutajar u l-Avukat Ġenerali Dr Peter Grech.
Fi tħejjija tad-dimostrazzjoni tal-bieraħ, dawk li sejħu lilhom infushom bħala Soċjetà Ċivili ħeġġu lil dawk li kienu se jattendu biex itajru ajruplani tal-karti b’messaġġ lejn id-daħla tad-Depot tal-Pulizija.
One News irnexxielu jara żewġ ajruplani tal-karti li ttajru lejn id-daħla tad-Depot li juru kliem ta’ theddid li rċieva l-Kummissarju tal-Pulizija. Wissewh biex matul il-lejl jorqod b’għajn waħda miftuħa għax “aħna nafu fejn tgħix”.
Il-messaġġi fuq iż-żewġ ajruplani jidher li nkitbu mill-istess id.