L-ajruplan Airbus A320-214, tal-linja tal-ajru Afriqiyah li nhar it-23 ta’ Diċembru kien maħtuf minn żewġ Libjani u tniżżel Malta telaq minn Malta għall-ħabta tal-15.54 hekk kif il-Qorti laqgħet it-talba ta’ Afriqiyah Airways biex ikun rilaxxat l-ajruplan. Dan ifisser li l-ajruplan se jmur lura l-Libja.
Din id-deċiżjoni ttieħdet mill-Maġistrat Anthony Vella li quddiemu bdew jidhru wkoll iż-żewġ Libjani li issa qed jiffaċjaw proċeduri fil-Qorti Maltija. Proċeduri b’diversi akkużi li jistgħu iwasslu sa għomor il-ħabs.
Fi stqarrija, l-linja tal-ajru spjegat li dan l-ajruplan kien qed jinżamm bħala evidenza u li issa l-ajruplan se jerġa’ jibda jopera fil-linja kummerċjali tal-linja tal-ajru. Afriqiyah Airlines qalu li l-linja tal-ajru se tkompli taħdem mal-awtoritajiet Maltin fl-investigazzjoni.
Il-manager tal-operat waqt it-tijira, il-Kaptan Shadli Abussen esprima s-sodisfazzjoni tiegħu li l-ajruplan se jkun qed jerġa’ jintuża mill-linja internazzjonli tal-ajru. Huwa rringrazzja lill-Kaptan Ali Milad u l-membri tal-Ekwipaġġ tat-titjira 8U209 għal mod kalm ta’ kif mexxew it-titjira minkejja s-sitwazzjoni diffiċli.
L-istqarrija tgħid li minkejja l-instabbiltá politika fil-Libja, il-linja tal-ajru hija kommessa li se tkompli toffri taħriġ ta’ livell internazzjonali lill-istaff tagħha. Iċ-Chairman tal-linja internazzjonali faħħar ukoll il-mod ta’ kif il-Gvern Malti mexxa din l-operazzjoni ta’ salvataġġ.
It-talba biex l-ajruplan ikun rilaxxat saret tul il-jum tal-Erbgħa meta l-Maġistrat Vella beda jisma’ l-kumpilazzjoni. Ir-rikors f’isem Afriqiyah Airways sar minn avukat tad-ditta legali Fenech & Fenech. Minkejja l-permess tal-Qorti biex l-ajruplan ikun jista’ jitlaq minn Malta, dan ma telaqx immedjatament hekk kif l-inġiniera tal-linja tal-ajru kellhom jagħmlu l-manutenzjoni meħtieġa biex ikunu ċerti li l-ajruplan ikun jista’ jtir.