It-Taqsima tal-Wirt Kulturali ta’ Qiegħ il-Baħar (UCHU) fi ħdan Heritage Malta, bil-kollaborazzjoni kontinwa tal-ATLAM Dive Club, wettqet operazzjoni oħra ta’ tneħħija ta’ xbieki minn wieħed mis-siti ta’ Heritage Malta f’qiegħ il-baħar – l-ajruplan B24 Liberator, li jinsab lil hinn mill-kosta tan-Nofsinhar ta’ Malta.
Dak li hu magħruf bħala ghost gear – jiġifieri xbieki tas-sajd, nases u lenez abbandunati – jikkostitwixxi madwar 10% tal-iskart tal-plastik li jispiċċa fl-oċeani u l-ibħra kull sena.
Hu stmat ukoll li bejn wieħed u ieħor 70% tal-macro-plastics f’wiċċ il-baħar huwa ghost gear. Il-periklu ta’ dan it-tip ta’ skart jinsab fil-fatt li jibqa’ jeżisti fl-ambjent marittimu għal deċennji sħaħ u jżomm f’wiċċ l-ilma.
Is-siti storiċi f’qiegħ il-baħar jiġbdu lejhom ħlejjaq marittimi iżda wkoll irkaptu tas-sajd li jitħabbel magħhom u jagħmel ħsara lilhom lill-istess ħlejjaq. Il-bugħaddasa wkoll jistgħu jkunu f’periklu li ma jkunux konxji tiegħu.
F’dawn l-aħħar snin, żdiedet il-kuxjenza dwar it-theddida tal-irkaptu abbandunat u ttieħdu diversi inizjattivi, lokalment u internazzjonalment, biex tittaffa din il -problema.
Wara li ġiet innotata l-preżenza ta’ rkaptu abbandunat f’diversi siti f’qiegħ il-baħar madwar il-Gżejjer Maltin, Heritage Malta, f’kollaborazzjoni mal-ATLAM Sub Aqua Club, bdiet twettaq diversi proġetti ta’ tneħħija ta’ xbieki minn dawn is-siti.
Il-B24 kien heavy bomber Amerikan li matul it-Tieni Gwerra Dinjija ntuża ħafna fil-fergħat kollha tal-Forzi Armati Amerikani u saħansitra minn uħud mill-forzi tal-Alleati.
F’Mejju tal-1943, l-Alleati bbumbardjaw repetutament mill-ajru lil Reggio Calabria, bil-qofol jintlaħaq fis-6 tax-xahar.
Żewġ ġemgħat ta’ B24s, komposti minn 50 ajruplan ġejjin mill-Afrika ta’ Fuq, xeħtu 110 tunnellati ta’ bombi fuq il-belt, l-aktar fl-inħawi tal-port.
Wieħed mill-ajruplani nqalgħetlu ħsara fil-magna u wara li ħeles mit-tagħbija tal-bombi, l-ekwipaġġ qatagħha li jiġi Malta, fejn sikwit kienu jsibu kenn ajruplani bil-ħsara fi triqthom lura minn Sqallija jew l-Italja.
Madankollu, l-ajruplan ma rnexxilux jinżel Ħal Luqa u l-ekwipaġġ, magħmul minn għaxar persuni, iddeċieda li jniżżel l-ajruplan fil-baħar. Ir-roti tniżżlu hekk kif l-ajruplan mess wiċċ l-ilma.
L-ajruplan inqaleb ta’ taħt fuq u wara li żamm fil-wiċċ għal ftit minuti, beda jegħreq min-naħa tad-denb. Disa’ membri tal-ekwipaġġ ġew salvat mir-Royal Air Force iżda l-membru l-ieħor baqa’ qatt ma nstab.
L-ajruplan instab f’qiegħ il-baħar fl-2015 waqt remote sensing survey, f’fond ta’ 56 metru. Huwa ppreservat tajjeb u llum huwa sit protett taħt il-ħarsien tal-UCHU iżda miftuħ għall-bugħaddasa.
Ħames bugħaddasa minn Heritage Malta u mill-ATLAM ħadu sehem f’din l-operazzjoni biex il-B24 Liberator jinħeles mix-xbieki.