L-Air Malta talbet li tinfetaħ il-Qorti b’urġenza sabiex ġie ppreżentat mandat ta’ inibizjoni kontra l-Airline Pilots Association Malta (ALPA) u mandat ieħor kontra l-membri tal-kumitat tal-istess union. Dan sar wara li aktar kmieni din il-ġimgħa nqala’ diżgwit bejn iċ-Chief Officer Flight Operations u l-Publications Officer tal-Air Malta. Id-diżgwit seħħ wara li dan tal-aħħar irrifjuta li jgħaddi dokumenti (flight manuals) liċ-Chief Officer wara li dan kien ilu tlett ijiem jgħidlu li se jgħaddihomlu.
Dawn id-dokumenti huma propjetà tal-Air Malta u jaqgħu taħt ir-responsabbiltà esklussiva taċ-Chief Officer Flight Operations. Dan id-diżgwit bejn dawn iż-żewg impjegati waqaf hemm, iżda l-Air Malta ħadet rrikonoxxiet dwar dan l-episodju bejn l-aġent Kap Eżekuttiv tagħha sabiex dan l-episodju ma jeskalax barra minn loku.
B’mod mill-aktar sorprendenti l-ALPA illum laqqgħu il-membri tagħhom, fejn ressqu mozzjoni li kienet tikkontempla azzjoni industrijali fil-konfront tal-Air malta inkluż it-twaqqif ta’ servizz mill-pilots u l-first officers. Din il-mozzjoni ġiet approvata u ftit minuti biss wara dan il-vot l-Air Malta rċiviet avviz bil-miktub dwar avviż ta’ tilwima industrijali u li kienet qegħdha tirriserva d-dritt li tordna azzjoni industrijali.
Madankollu dan l-episodju ma jaqax f’definizzjoni ta’ “tilwima ta’ xoghol” kif maħsuba f’kapitlu 452 tal-liġijiet ta’ Malta u għalhekk ma tista titieħed l-ebda azzjoni industrijali b’reazzjoni għal dan l-istess episodju. Aktar minn hekk hemm sproporzjon assolut bejn dan l-episodju li dwaru qiegħda tilmenta il-union u l-azzjoni li bi ħsiehba tieħu dwaru.
L-Air Malta qalet li dan l episodju qed jintuża minnhom biss bħala pretest. L-azzjonijiet ippreżentati mill-union se jwasslu għall-ħsara irreparabbli lill-linja tal-ajru anki jekk jibqgħu għal ftit żmien biss. Dan għaliex il-kumpanija tinkorri danni kbar li jlaħħqu miljuni kbar ta’ ewro fil-ġimgħa. Dawn kapaċi jkollhom riperkussjonijiet kbar fuq l-inpjegati kollha tal-Air Malta, fuq il-passiġġeri, fuq it-turiżmu u l-ekonomija ta’ pajjiżna.
Kien għalekk li l-Air Malta talbet sabiex jinħareg dan il-mandat ta’ inibizjoni u fid-dawl tan-natura urġenti tat-talba tagħha qiegħda titlob li dan għandu jintlaqa proviżorjament.