L-Air Serbia bdiet rotta ġdida lejn New York u esperti fil-qasam tal-avjazzjoni sostnew li dan jirrifletti l-ambizzjonijiet tal-Etihad li kisbet sehem minoritarju f’din il-linja tal-ajru nazzjonali li sa ftit snin ilu kienet f’xifer falliment.
“Din hija ‘business as usual’ għal Etihad, li jinvestu f’linji tal-ajru fl-inkwiet u linji tal-ajru iżgħar bħala parti mill-istrateġija,” ingħad f’artiklu fuq Skift.
Kien irrimarkat kif Etihad diġà għandha sehem f’Air Berlin u Alitalia żewġ linji tal-ajru li wkoll kienu fil-problemi. “Air Serbia waħedha qatt ma kient tkun tista’ tgħamel titjiriet fit-tul,” qal James Hogan, President u Kap Eżekuttiv tal-Etihad Aviation Group.
Air Serbia qiegħda tkun mgħejjuna wkoll minn Etihad biex isaħħaħ il-flotta b’Airbus A319 u A320 ġodda. Etihad qed idaħħal ukoll kultura ġdida f’din il-linja tal-ajru bħalma qed tagħmel f’oħrajn.
Minbarra f’Air Serbia, Etihad għandha 49% tal-Alitalia, 40% tal-Air Seychelles, 29% ta’ Air Berlin, 24% ta’ Jet Airways fl-Indja u 24% tal-Virgin Australia. Dawn il-linji tal-ajru jiksbu appoġġ kontinwu mill-Etihad fosthom bl-użu ta’ ajruplani u anke fil-mod kif jinxtraw ċerti provvisti. Dawn huma mudelli simili għal dak li qed tinnegozja l-Air Malta mal-Alitalia, li wkoll għandha appoġġ tal-Etihad.