Il-linja nazzjonali tal-ajru, l-Air Malta fetħet 12-il destinazzjoni ġdida għall-bejgħ biex b’hekk dan is-sajf se tkun qed ittir lejn 22 ajruport.
Fi stqarrija, l-Air Malta qalet li wara li l-ajruport għamel iktar minn tliet xhur magħluq u se jiftaħ fl-1 ta’ Lulju, il-kumpanija se tkun qed ser tgħaqqad lil Malta ma’ 22 destinazzjoni fi ħdan l-Ewropa.
It-titjiriet tal-Air Malta lejn Ruma, Lyon u Marseille issa se jiżdiedu mat-titjiriet li tħabbru diġà lejn Katanja, Munich, Frankfurt, Berlin, Dusseldorf, Vjenna, Zurich, Ġinevra, u Praga mill-1 ta’ Lulju.
Mill-15 ta’ Lulju, il-linja tal-ajru se tibda wkoll ittir b’mod kummerċjali lejn Amsterdam, Brussell, Milan, Londra (Heathrow), Lisbona, Madrid, Palermo, Pariġi (Charles De Gaulle u Orly).
Ġie spjegat kif minn Awwissu, l-Air Malta sejra terġa’ tibda ttir lejn Manchester.
Belt ġdida fil-lista tad-destinazzjonijiet hija Madrid hekk kif l-Air Malta ilha ma topera b’titjiriet ta’ kull ġimgħa lejn il-kapitali Spanjola għal aktar minn għaxar snin.
Lejn Madrid, l-Air Malta se tkun qed ittir mis-Sibt 18 ta’ Lulju.
It-titjiriet imħabbra lejn il-Lussemburgu issa se jiġu ttrasferiti lejn Brussell ħlief għat-titjiriet ippjanati lejn il-pajjiż fl-4 u fil-11 ta’ Lulju li se jiġu operati kif skedat.
Il-prezzijiet tat-titjiriet (inklużi t-taxxi) jibdew minn €39 f’direzzjoni waħda.