B’reazzjoni għal rapporti fuq il-midja, il-linja nazzjonali tal-ajru, l-Air Malta, iċċarat il-fatti dwar xi dewmien li kien hemm fuq titjira lejn Londra jumejn ilu.
Fi stqarrija, l-Air Malta spjegat li d-dewmien fuq it-titjira KM100 lejn l-ajruport ta’ Heathrow nhar il-Ħamis tnejn ta’ Jannar, seħħ minħabba żball amministrattiv fil-proċedura meta kien qed jiġi ppjanat dak imsejjaħ flight plan – li jsir għal kull titjira.
Dan l-iżball wassal biex it-titjira nżammet fl-Italja qabel daħlet fl-airspace Franċiż.
It-titjira inkwistjoni ma kinitx ppjanata li tidħol fl-airspace Żvizzeru u d-dewmien seħħ biss biex il-linja tal-ajru setgħet tavża lill-Awtoritajiet Franċiżi tal-Kontrolli tat-Traffiku tal-Ajru dwar il-bidliet fil-flight plan.
L-Air Malta appellat lill-midja biex qabel tippubblika rapporti żbaljati dwar dewmien, tikkuntattja lill-uffiċjal tal-komunikazzjoni tal-linja tal-ajru biex jiċċara l-fatti.
Filwaqt li skużat ruħha għal kull inkonvenjent, l-Air Malta fakkret li s-sigurtà tibqa’ l-ikbar priorità.