Wara nuqqas ta’ 12-il sena, l-Air Malta mill-ġdid bdiet topera titjiriet lejn il-Kajr fl-Eġittu, bl-ewwel titjira sseħħ il-Ħadd filgħaxija.
Il-linja tal-ajru Maltija se tibda ttir lejn din id-destinazzjoni nhar ta’ Ħamis u nhar ta’ Ħadd, bit-titjiriet jibqgħu għaddejjin fix-xitwa.
It-titjiriet qed joperaw tard filgħaxija, sabiex passiġġiera mill-Kajr ikunu jistgħu jaqbdu konnessjoni tal-Air Malta lejn destinazzjoni oħra fl-Ewropa. Fil-fatt fl-ewwel titjira rat 75% tal-passiġġieri jaqbdu konnessjoni oħra.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Air Malta, il-Kaptan Clifford Chetcuti spjega li din ir-rotta hija t-42 waħda tal-Air Malta u li l-mira hi li fl-ewwel sena iġġorr mal-25,000 passiġġier.
Iċ-chairman tal-Air Malta, in-Nutar Charles Mangion fisser kif l-Eġittu qed jerġa’ jinfetaħ għat-turiżmu u l-kummerċ u għaldaqstant l-Air Malta għażlet li terġa’ topera lejn dan il-pajjiż propju sabiex tixpruna rabtiet ikbar bejn pajjiżna u l-Eġittu.
Dan sabiex l-Air Malta tkompli fit-triq li ssir il-linja tal-ajru tal-Mediterran.
“L-Air Malta hija kommessa li tkompli tespandi, li trid issir il-linja tal-ajru reġjonali għal Mediterran fejn tgħaqqad l-Ewropa mal-basin kollu tan-North Africa, minn Tel Aviv sal-Marokk,” qal Dr Mangion.
Il-Ministru għat-Turiżmu Konrad Mizzi fisser li din ir-rotta hija pass importanti ieħor biex il-linja tal-ajru Maltija tkompli tespandi fl-Afrika ta’ Fuq.
Spjega li l-linja tal-ajru issa qed tħares li fil-ġejjieni qrib topera l-ewwel titjira fir-reġjun tas-sub Sahara.
“Jiena kuntent li wara t-Tuneżija u l-Marokk issa kien imiss issa lill-Eġittu permezz tal-Kajr. Mhux se nieqfu hawnhekk, se nkompli naħdmu biex ikollna iktar connecting flights lejn pajjiżna u nħarsu wkoll lil hinn forsi jkollna l-ewwel flight lejn is-Sub Saharan region,” saħaq Dr Mizzi.
Din ir-rotta tingħaqad ma’ ta’ Tuneż u Casablanca fil-kontinent Afrikan, bħala titjiriet tal-Air Malta fl-Afrika ta’ Fuq.