F’lukanda ewlenija f’Katanja, passi ‘l bogħod mill-ajruport ta’ Fontanarossa, l-Air Malta inawgurat is-servizz skedat tagħha ta’ darbtejn fil-ġimgħa bejn Katanja u Vjenna.
Rotta li qed tkun deskritta bħala kruċjali għall-Air Malta, hekk kif timmarka r-ritorn tal-Air Malta b’titjiriet bejn bliet Ewropej.
B’dan il-pass, l-Air Malta qed tisfrutta l-potenzjal t’opportunità kummerċjali. Dan għaliex f’Diċembru li għadda, il-linja tal-ajru Awstrijakka Niki – li kienet topera r-rotta Katanja-Vjenna, ġiet iddikjarata falluta.
Wara studju li wettqet l-Air Malta, inħass il-bżonn li tkun hi l-linja tal-ajru li tibda topera din ir-rotta. Rotta li diġà kienet popolari u allura tagħti garanzija ta’ suċċess u profitt għal-linja tal-ajru Maltija.