L-Air Malta se tibda topera l-iskeda ta’ titjiriet tagħha għax-xitwa fil-31 ta’ Ottubru, b’67 servizz dirett b’ritorn skedat fil-ġimgħa ppjanat lejn 15-il ajruport Ewropew ewlieni. Dan intqal fi stqarrija maħruġa mil-linja nazzjonali tal-ajru.
L-Air Malta se toffri medja ta’ disa’ titjiriet fil-ġimgħa lejn Londra u Pariġi, b’servizzi lejn l-Ajruporti ta’ Heathrow f’Londra, Pariġi Charles De Gaulle u Pariġi Orly, filwaqt li Munich, Ruma, Vjenna, Zurich u Katanja se jkunu serviti b’sitt titjiriet fil-ġimgħa. Filwaqt li fix-xitwa, l-Air Malta se testendi wkoll is-servizzi tagħha lejn il-bliet ta’ Berlin, Dusseldorf u Lyon.
Fil-fatt matul din ix-xitwa l-Air Malta se tkun qed topera titjiriet diretti lejn 15-il destinazzjoni li huma: Amsterdam, Berlin, Brussell, Katanja, Dusseldorf, Frankfurt, Pariġi Charles De Gaulle, Pariġi Orly, Ruma Fiumicino, Londra Heathrow, Milan Linate, Lyon, Munich, Vjenna u Zurich.
Dan filwaqt li l-linja tal-ajru nazzjonali Maltija ser tkompli tħaddem il-ftehimiet ta’ code-sharing ma’ Aeroflot, airBaltic, Air France, Austrian Airlines, Brussels Airlines, Czech Airlines, Emirates, Etihad, KLM, Lufthansa, Qatar Airways, Swiss International Air Lines u Turkish Airlines.
Għal aktar informazzjoni żur is-sit airmalta.com, ċempel lit-tim tal-bejgħ tal-Air Malta fuq +356 21662211 jew l-aġent tal-ivvjaġġar jew l-operatur turistiku favorit tiegħek.