Il-kumpanija Air Malta neħħiet it-tariffi relatati ma’ tibdil fil-booking ta’ titjira mal-istess kumpanija li huma skedati sal-31 ta’ Diċembru 2020.
Dan filwaqt li l-linja tal-ajru naqqset għal €5 it-tariffa li permezz tagħha tkun tista’ tibdel isem fuq il-biljett.
Fi stqarrija maħruġa mil-linja nazzjonali tal-ajru, il-Kap Kummerċjali tal-kumpanija Air Malta Paul Sies stqarr, “F’dan iż-żmien, nemmnu li l-flessibilita hija essenzjali u b’dawn il-bidliet nittamaw li nkomplu nsaħħu l-fiduċja tal-pubbliku fl-ivvjaġġar bl-ajru u nagħmluha aktar faċli għall-klijenti tagħna biex jibdlu t-titjiriet jekk ikollhom bżonn.”
Il-bidliet jistgħu jsiru mingħajr ħlas sal-31 ta’ Diċembru 2020 filwaqt li l-ivvjaġġar jista’ jsir sal-31 ta’ Diċembru 2021, u b’hekk tingħata kull opportunita li tinstab it-titjira t-tajba.
Il-bidliet jistgħu jsiru permezz taċ-ċentru telefoniku, l-Uffiċċju tal-Bejgħ jew l-aġenti tal-ivvjaġġar tal-Air Malta.