L-Air Malta talbet lill-Kummissarju tal-Pulizija jinvestiga allegazzjonijiet li saru mill-Kaptan Domenic Azzopardi waqt laqgħa li kellu mal-Kap tal-Oppożizzjoni. L-ittra ntbagħtet ilbieraħ.
Il-Kaptan, li jmexxi l-unjin tal-piloti, tkellem dwar il-ġarr tal-merkanzija tal-Air Malta u kien ikkwotat jgħid: “Irridu nsiru nafu li n-nies li jużaw is-servizz qed iħallsu għalih. Hemm €200 miljun fi dħul. Xi wħud mhux qed jħallsu għas-servizz li qed jieħdu. L-ajruplani huma dejjem mimlija bil-merkanzija. Fejn qed imorru l-flus?”
L-Air Malta qalet li dawn l-allegazzjonijiet la ġew sostanzjati u lanqas irtirati mill-kaptan Azzopardi u ċaħdet kategorikament. Iddeskriviethom bħala infondati u maħsuba biex itappnu r-reputazzjoni tal-Kumpanija u tal-impjegati tagħha.