L-Air Malta ikkonkuldiet is-sena billi ssieħbet fl-Assoċjazzjoni tal-linji tal-ajru fir-reġjun Ewropew, l-ERA – il-vuċi tal-avjazzjoni Ewropea.
L-akbar avveniment tas-sena tal-ERA, il-Konferenza Reġjonali tal-Linji tal-ajru, se ssir f’Malta s-sena d-dieħla bejn il-ħamsa u għoxrin u sitta u għoxrin ta’ Marzu.
Il-konferenza se tlaqqa’ taħt saqaf wieħed aktar minn 250 rappreżentant ta’ linji tal-ajri,ajruporti u manifatturi, fornituri u servizzi tal-avjazzjoni.
Din il-konferenza unika se toffri opportunitajiet varji biex taħt l-istess saqaf joħorġu firxa wiesa’ ta’ ideat li mistennija jiffukaw fuq il-konnettività ekoloġika. Xi ħaġa li l-Air Malta ilha tistinka dwarha biex tnaqqas l-impatt fuq l-Ambjent u topera negozju effiċjenti fl-enerġija.
Iċ-ċermen tal-Air Malta Charles Mangion saħaq li permezz ta’ din l-isħubija, pajjiżna se jaħdem ma’ pajjiżi oħra biex jindirizza l-isfidi komuni li qed jiffaċċjaw il-linji tal-ajru fl-Ewropa.
“Fl-ERA aħna se jkollna l-vantagg li npoġġu l-pożizzjoni tagħna u inkunu nistgħu niddefendu flimkien mal-linji l-oħra fuq direttivi li se jolqu l-linji tal-avjazzjoni bħal l-ambjent , l-issues oħra fuq x ‘tip ta fuel jintuza u l-iżvilupp tal-avjazzjoni kif qed issir u allura ikollok fejn tesprimi l-ideat tiegħek u toħloq ukoll lobby group fejn issema l-interessi tiegħek.”
L-isponsors għal din il-konferenza huma l-Air Malta u l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta.