Ix-xahar li għadda, l-Air Malta irreġistrat żieda ta’ tnejn u erbgħin fil-mija fil-ġarr tal-passiġġieri meta mqabbel ma’ Ġunju tas-sena l-oħra, filwaqt li x-xahar ta’ qabel, il-linja tal-ajru Maltija ġarret tmienja u tletin fil-mija iżjed passiġġieri minn kemm ġarret f’Mejju tal-elfejn u sbatax.
Biex f’Mejju u Ġunju, l-Air Malta ġarret aktar minn tliet mija u sitta u tmenin elf passiġġier.
Tlettax-il elf minnhom saru permezz ta’ titjiriet li ma telqux minn Malta, iżda permezz ta’ rotot ġodda li daħlet għalihom l-Air Malta minn Katanja għal Vjenna u Londra u oħra bejn Londra u Cagliari.
Il-Ministru għat-Turiżmu Konrad Mizzi qal ma’ ONE News li dawn iċ-ċifri juru li l-istrateġija tal-Air Malta li ssir il-linja tal-ajru tal-Mediterran, hija ambizzjuża iżda qed isseħħ.
“L-istrateġija tal-Air Malta hija li nsiru l-airline tal-Mediterran u nixtiequ niftħu bażijiet fil-gżejjer tal-Mediterran u bdejna bi Sqallija u Cagliari ġewwa Sardenja. Kuntenti ħafna li l-load factor l-ajruplani tagħna qed ikunu mimlijin u qed jinbiegħu b’rati tajbin ukoll.”
It-tkabbir fix-xahrejn li għaddew kien rifless ukoll fuq rotot ibbażati f’Malta; bl-Air Malta kkontribwixxiet għal ħamsin fil-mija tat-tkabbir irreġistrat mill-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta.
Filfatt, kważi disgħin elf passiġġier mill-mija u tmienja u sebgħin elf passiġġier addizzjonali li għaddew mill-Ajruport f’dawn ix-xahrejn, kienu fuq titjiriet tal-Air Malta.
“L-MIA għamel tkabbir kbir, l-airlines kollha żdiedu, pero nofs iż-żieda tal-flights kollha li kellna u l-passiġġieri ġol-MIA kienu ġejjin mil-linja nazzjonali tal-ajru.”
F’Mejju l-aktar destinazzjoni li rat żieda fuq is-sena l-oħra kienet Munich – bit-titjiriet lejn dil-belt Ġermaniża ġarrew kważi erbat elef passiġġier, filwaqt li f’Ġunju, Katanja rat aktar minn sitt elef u seba’ mitt passiġġier addizzjonali meta mqabbel mal-istess xahar tas-sena l-oħra.
Iċ-Ċermen tal-Air Malta Charles Mangion qal li dawn ir-riżultati huma frott it-tkabbir tal-Air Malta – li daħlet f’wieħed u għoxrin suq ġdid, u ż-żieda fit-traffiku fuq in-netwerk tagħha.
Qal li dawn iċ-ċifru jixprunaw il-fiduċja li l-Air Malta tinsab miexja fit-triq it-tajba, u qed tħares ’il quddiem biex tkompli bil-proċess tar-rinnovazzjoni tal-flotta fix-xhur li ġejjin.