Għall-ewwel darba wara bosta snin il-linja nazzzjonali tal-ajru l-Air Malta irreġistrat qligħ operattiv ta’ €1.2 miljun.
Ħabbar dan il-Ministru għat-Turiżmu Konrad Mizzi waqt il-laqgħa ġenerali annwali tal-Air Malta.
Qal li dan huwa attribwit għall-istrateġija ta’ tkabbir li ġiet adottata. Fakkar kif l-Air Malta illum qiegħda topera flotta ta’ ajruplani akbar u imbarkat fuq proċess li tibdel il-flotta sabiex ikollha ajruplani aktar moderni.
Meta kien qed jikkumenta fuq dan is-suċċess li kisbet l-Airmalta, il-Ministru għat-Turiżmu Konrad Mizzi faħħar il-ħaddiema tal-Airmalta u rrikonoxxa x-xogħol li għamlu.
Saħaq li huwa joħlom kif l-Airmalta tkompli tara tkabbir u ttir lejn iżjed ajruporti prinċipali madwar id-dinja.
“Noħlom li nara s-salib tagħna l-Maltin, li jagħti identità li jkun fuq ir-runways ta’ wħud mill-akbar ajruporti fid-dinja”, qal il-Ministru Konrad Mizzi.
“Flimkien ktibna kapitlu ġdid fl-istorja tal-Airmalta u ejja nkomplu niktbu s-suċċess għal-linja tal-ajru nazzjonali tagħna”, temm jgħid il-Ministu Mizzi.
Tkellem ukoll iċ-Chairman tal-Airmalta Charles Mangion innota li apparti l-profitt ta’ 1.2 miljun ewro, l-Airmalta rreġistrat titjib ta’ 12-il miljun fuq is-sena ta’ qabel.
Dan għall-fatt li s-sena l-oħra l-Airmalta kellha telfa ta’ €10.8 miljun.
Qal li fis-settur tal-avjazzjoni l-kompetizzjoni ħraxet iżda f’dan il-kuntest qal li l-Airmalta tilqa’ dawn l-isfidi u għamlet il-linja tal-ajru bħala waħda vijabbli.
Hawnhekk in-Nutar Charles Mangion innota li d-dħul tal-Airmalta żied b’€5.3 miljun filwaqt li l-ispiża biex il-kumpanija tal-ajru topera naqqset b’€6.7 miljun.
Ġie spjegat ukoll li matul is-sena finanzjarja tal-Airmalta kien hemm żieda ta’ 168,000 passiġġieri, 11% iżjed rikbu mal-Airmalta mis-sena ta’ qabel.