Fil-programm ta’ kull nhar ta’ Ħadd, Paperscan, il-Ministru għat-Turiżmu Konrad Mizzi saħaq li l-konnetività ta’ rotot mil-Linja Nazzjonali tal-Ajru Maltija ma’ pajjiżi oħra ser tiżdied.
Mizzi saħaq li għalkemm dan il-pass huwa ferm importanti għat-Turiżmu f’Malta, dan ser jiswa ta’ ġid ukoll għall-Industriji Finanzjarji.
“Il-connectivity huwa importanti għall-pajjiż, importanti mhux għat-turiżmu biss, illum il-ġurnata għandna industriji finanzjajri, għandna il-gaming, għandna is-settur marittimu, għandna l-blockchain, għandna s-settur tal-farmaċewtika, u l-medical cannabis”.
Mizzi saħaq li l-ħolma tiegħu hi biex l-ewwel jissaħħu r-rotot ta’ madwar Malta, imbgħad jestendu għal rottot lil hinn mill-Ewropa, fosthom rotot lejn New York, Toronto u Mumbai, postijiet ferm importanti għall-Ekonomija Maltija. Żied jgħid li biex iseħħ dan, Malta trid tinvesti f’ajruplan ta’ tip Airbus A321:
“Il-pass li jmiss hu li nħarsu lejn longer haul, fejn bdejna pjan biex naraw kif nistgħu nwasslu l-passiġieri tagħna lejn New York, Toronto u Mumbai, li huma postijiet importanti għat-turiżmu, għaliex it-turisti li jiġu mill-Amerika jonfqu ħafna flus”
Il-Ministru qal li f’dawn l-aħħar tmintax –il xahar saret ħidma biex jiżdiedu r-rotot, u żied jgħid li l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta għandu aktar destinazzjonijiet minn ċertu Ajruporti prominenti oħra. Saħaq li Malta ġa qed tara 45,000 turist mill-Amerika ta’ Fuq.
Mizzi temm jgħid li ġie approvat master plan biex jiġi rinovat l-Ajruport Internazzjoanli ta’ Malta fejn qed isir xogħol fir-runway, se jiżdiedu postijiet fejn jipparkjaw l-ajruplani fost xogħlijiet oħra.