Ħamsa u għoxrin destinazzjoni, tliet rotot ġodda u sa massimu ta’ tmien titjiriet kuljum għall-kapitali Ingliża.
Il-linja Nazzjonali tal-ajru, l-Air Malta qed tipprepara għal xitwa bieżla, biex din is-sena jinkiser rekord ieħor. Dan billi żżid il-frekwenza tat-tijiriet lejn Londra, Brussell, u Palermo b’sebgħa fil-mija. Fl-istess ħin, se jkun hemm ġranet li fihom l-Air Malta se toffri sa massimu ta’ tmien titjiriet lejn l-ajruporti ta’ Heathrow u Gatwick f’Londra. Dan apparti rotot ġodda lejn Lyon, Praga, u l-Kajr.
L-Air Malta qed taħdem ukoll biex wara sajf mill-aktar bieżel ta’ suċċess, tkompli ttejjeb l-operat u l-prestazzjoni kummerċjali tagħha.
B’hekk l-Air Malta qed tippjana li topera mitejn, tnejn u tmenin titjira fil-ġimgħa, b’minn tal-anqas għaxar destinazzjonijiet se jkollhom titjira lejhom kuljum, jew aktar.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet il-Ministru Konrad Mizzi tenna l-mira ambizzjuża tal-linja tal-ajru nazzjonali li tara żieda ta’ sebħgin elf passiġġier tul dan l-istaġun.
Ħabbar ukoll li d-diskussjonijiet mal-unjin tal-bdoti l-ALPA intemmu ftit tax-xhur ilu u kien hemm qbil fuq diversi kwistjonijiet. Ġew ippreżentati b’pakkett li sab l-appoġġ ta’ numru ta’ piloti individwali iżda s’issa għad m’hemmx qbil mal-ALPA.
Mizzi qal “Is-sitwazzjoni hija li dan ix-xahar, iċ-ċermen, in-nutar Charles Mangion kiteb lil kull pilota u spjega x’konna ftiehmna mal-ALPA u ppreżentajnilhom ukoll pakkett. Juidher li l-feeling li għandna m’għand il-pilot community huwa li kien hemm ħafna piloti individwali li għoġobhom dak l-agreement u ħasbu li it’s a fair agreement. Però għad m’għandniex qbil mal-unjin. Ir-realtà hija li għandna bżonn dak il-qbil biex immorru għall-pass li jmiss u nkomplu nikbru. Jiena persważ li jekk nifhtemu mal-ALPA fuq dan l-agreement inkunu nistgħu bħala Air Malta inkabbru fuq il-medium haul destinations. Jekk le, ikollna bilfors inħarsu lejn options oħrajn.”