Fi Frar li għadda l-Air Malta ġarret 34.6 % passiġġieri aktar meta mqabbel mas-sena li għaddiet, żieda rekord matul ix-xahar li tradizzjonalment huwa meqjus l-aktar dgħajjef tas-sena. Il-linja tal-ajru Maltija ġarret total ta’ 26,000 passiġġier aktar minn Frar 2017.
Bejn Novembru tas-sena li għaddiet sa Frar ta’ din is-sena, il-Linja tal-Ajru rrappurtat tkabbir qawwi ta’ 24 %, li jagħmel din ix-xitwa waħda mill-aktar staġuni ta’ suċċess għall-Air Malta.
Fl-aħħar sitt xhur l-Air Malta nediet total ta’ 13-il rotta ġdida inkluż tliet servizzi bejn pajjizi Ewropej. Il-linja tal-ajru rnexxielha ttejjeb l-utilizzazzjoni tal-ajruplani tagħha konsiderevolment u qiegħda wkoll taħdem qatigħ sabiex tiżgura li l-ajruplani tagħha jtiru aktar sigħat sa 12-il siegħa kuljum fix-xitwa u 14-il siegħa fis-sajf, bl-ispiża tinfirex fuq aktar rotot li twassal għal żieda fid-dħul tagħha.