L-Air Malta twaqqfet mill-Kamra tad-Deputati, fil-21 ta’ Marzu 1973, 45 sena ilu. Il-linja tal-ajru ġiet irreġistrata bħala kumpannija fit-30 ta’ Marzu 1973 u sena wara, fl-1 ta’ April 1974, operat l-ewwel titjira.
B’53,500 passiġġier fl-ewwel sena ta’ operat, l-Air Malta illum iġġorr 1.8 miljun passiġġier kull sena u n-numru mistenni jaqbeż it-2 miljun din is-sena. Mill-ewwel titjira tagħha il-linja tal-ajru ġarret aktar minn 55 miljun passiġġier lejn u minn Malta. L-Air Malta twaqqfet bil-għan ewlieni li tistabbilixxi, tħaddem u tiżviluppa trasport bl-ajru minn u lejn Malta li, bil-ġarr ta’ passiġġieri, merkanzija u posta, iservi l-interess nazzjonali.
Il-linja tal-ajru kienet strumentali fil-ftuħ u l-konnessjonijiet ta’ Malta mal-bqija tad-dinja u viċe versa u fil-proċess ta’ diversifikazzjoni u ftuħ ta’ swieq turistiċi ġodda għall-industrija tat-turiżmu lokali. Huwa fatt li kieku ma kienx għall-viżjoni li tinħoloq linja tal-ajru nazzjonali u l-isforzi kontinwi u l-investimenti mill-linja tal-ajru f’dawn il-45 sena, l-industrija lokali tat-turiżmu ma kinitx ser tkun bħal dik li nafuha llum.
Air Malta bdiet topera b’żewġ Boeing 720B mikrija bl-ekwipaġġ mill-Pakistan International Airlines (PIA) bl-ewwel titjiriet jkunu lejn Londra u Ruma. L-ewwel skeda ta’ titjiriet kienet tinkludi l-ibliet ta’ Londra, Birmingham, Manchester, Ruma, Frankfurt, Pariġi u Tripli. Illum l-Air Malta sservi madwar 35 destinazzjoni b’180 titjira kull ġimgħa lejn lEwropa, l-Afrika ta’ Fuq u l-Mediterran tal-Lvant.
Illum il-kumpanija tal-ajru hija waħda mill-organizzazzjonijiet Maltin laktar importanti. Il-kumpanija mhux biss tgħin lis-settur tat-turiżmu imma wkoll tipprovdi lin-negozji li joperaw fuq il-gżejjer b’netwerk ta’ distribuzzjoni wiesgħa barra mill-pajjiż għall-ġarr ta’ passiġġieri u
merkanzija.
L-Air Malta hija kburija li tiċċelebra l-45 Anniversarju mit-twelid tagħha, u tirrikonoxxi l-kontribut ta’ dawk in-nies kollha li emmnu fiha sa mill-bidu tagħha u lil dawk kollha li kkontribwixxew fit-tisħieħ tagħha f’dawn l-aħħar 45 sena. Il-linja tal-ajru tirringrazzja wkoll lill-klijenti leali u lill-impjegati dedikati tagħha li ħadmu għalijha matul dawn is-snin kollha.
Ritratt ta’ fuq: Il-Gvern Malti jiffirma ftehim mal-PIA sabiex titwaqqaf l-Air Malta.
Ritratt ta’ isfel: Iċ-ċekk tal-Bank Scicluna li bih ġiet irreġistrata l-Air Malta.