Il-linja Nazzjonali tal-ajru l-Air Malta ħassret titjira lejn il-Belt Ġermaniża Munich li kienet skedata tard it-Tnejn minħabba l-maltemp fil-Ġermanja. Fi stqarrija l-Air Malta spjegat li l-kundizzjonijiet tat-temp f’Munich xekklu l-operazzjonijet tal-ajruport, tant li titjira tagħha dalgħodu lejn Munich kellha tinżel f’belt oħra. Dan minkejja li titjiriet oħra tħallew jinżlu fl-ajruport ta’ Munich.
L-Air Malta spjegat li bħalissa għaddejja ħidma biex toffri kull għajnuna possibbli lill-passiġġieri li se jkunu affettwati minn dan kollu, u se tkun qed tagħmel kuntatt magħhom s’għada malli l-ajruport f’Munich jagħti indikazzjoni tal-operat tiegħu. Sadanittant, il-passiġġieri affettwati se jingħataw għajnuna wkoll dwar akkomodazzjoni u qed jiġu mħeġġa jitolbu għal kwalunkwe għajnuna li għandhom bżonn billi jikkuntattjaw lill-Air Malta permezz tal-midja soċjali jew is-sit elettroniku.