Il-Bord tad-Diretturi tal-Air Malta fi stqarrija caħdu b’mod kategoriku r-rapport ta’ Ivan Camilleri fit-Times of Malta li l-linja tal-ajru waqqfet titjiriet lejn Frankfurt biex tintgħoġob ma’ Alitalia.
L-artiklu jikkwota sorsi li Camilleri ma’ jgħidx min huma. Dawn is-‘sorsi’ jgħidu li bid-deċiżjoni li ħadet l-Air Malta dwar Frankfurt, deheret tajba mal-Alitalia, biex tipprova tikkonkludi n-negozjati magħha.
Il-Bord tad-Diretturi giddbu għal kollox dawn l-allegazzjonjiet u qalu li r-rapporti ma jagħmilx sens, speċjalment issa li l-linja tal-ajru se tkun qed iżżid il-frekwenzi fis-Sajf li ġej f’connecting hubs prinċipali li m’għandhom l-ebda konnessjoni ma’ dawk Taljani, bħal Munich, Amsterdam, Brussel, Vienna u Zurich.
Il-Bord qal li hu fatt magħruf li titjiriet lejn Frankfurt ma kinux suċċess u t-titjiriet lejn dik id-direzzjoni kienu diġà naqsu minn titjira kuljum għal erbgħa fil-ġimgħa, ferm qabel ma kien hemm ħsieb li jkun hemm xi forma ta’ negozji mal-Alitalia.
L-istqarrija temmet tgħid li l-Air Malta se jkun qed ikollha żieda fl-iskeda tagħha tas-Sajf 2017 fl-ammont ta’ titjiriet f’rotot prinċipali u popolari li jinkludu Munich, Brussel, Amsterdam, Vienna, Zurich, Ruma, Katanja, Lyon, Palermo, Praga u Moskow. Il-linja tal-ajru se tkun qed iżżid l-operat tagħha għal darbtejn kuljum fit-titjiriet fl-aqwa tas-Sajf għal Munich, Ruma u Katanja.