Il-passiġġieri kollha li se jivjaġġaw mal-Air Malta lejn Malta minn l-1 ta’ Ġunju se jkollhom bżonn jippreżentaw ċertifikat validu tal-vaċċin jew test negattiv għall-Covid-19 li ttieħed minn tnejn u sebgħin siegħa qabel it-titjira.
Dan sostnietu l-Air Malta, li għamlitha ċara li passiġġieri li ma jippreżentaw ebda minn dawn id-dokumenti mhumiex se jitħallew jitilgħu abbord l-ajruplan.
Fi stqarrija, l-Air Malta sostniet ukoll li kull min jinqabad jikser dawn il-kundizzjonjiet se jkun obbligat li jieħu test għall-Covid-19 mal-wasla tagħhom f’Malta filwaqt li jidħlu fi kwarantina sakemm joħroġ ir-riżultat ta’ dan it-test. Din il-kwarantina tista’ tiġi estiża għall-perjodu meħtieġ fil-każ li r-riżultat ikun pożittiv.
L-ispiża ta’ dan it-test kif ukoll l-akkomodazzjoni fil-każ ta’ kwarantina se jitħallsu mill-passiġġieri li jkunu kisru l-kundizzjonijiet. Dawn ir-rekwiżiti jgħoddu għal kull passiġġier ‘il fuq minn ħames snin.