L-Air Malta qiegħda ssejjaħ għall-ittestjar sistematiku tal-Covid-19 għall-passiġieri kollha qabel kull titjira. Dan qed isir b’kooperazzjoni mal-Assoċjazzjoni Internazzjonali tat-Trasport bl-Ajru. Din l-istrateġija ta’ ttestjar tista’ sservi bħala alternattiva għall-miżuri ta’ kwarantina u għandha l-potenzjal li terġa’ twassal biex aktar nies iħossuhom komdi jsiefru.
Iċ-Chairman tal-Air Malta, Charles Mangion spjega l-fatt li jsir ittestjar għall-Covid-19 għal kull passiġġier jista’ jagħti iżjed serħan il-moħħ.
Huwa qal: “Il-fatt illi jkollok it-testing, kemm meta jkun ġej lura lejn Malta kif ukoll ħiereġ minn Malta, huwa an added measure li huwa tajjeb ħafna għax aħna lejn Malta min ikun ġej, jekk nagħmlulu t-test qabel, ħadd mhu se jiġi li jkun pożittiv u nistgħu ngħidu ħa jikkontamina. Allura l-ftuħ tal-airport mhux se jikkostitwixxi dik il-biża’ li jagħmel ħsara lill-Maltin, li hija importanti ħafna.”
L-Air Malta mhijiex l-unika linja tal-ajru li qed issejjaħ din l-azzjoni. Ħamsa u għoxrin assoċjazzjoni tal-industrija tal-avvjazzjoni ffirmaw ittra mibgħuta lill-Kummissjoni Ewropea, fejn ħeġġew azzjoni konkreta sabiex tiġi kkoordinata sistema ta’ protokoll ta’ ttestjar komuni sabiex tieħu post il-miżuri ta’ kwaratntina ġenerali madwar l-Ewropa.
Dr. Mangion spjega li jekk tiddaħħal din l-istrateġija, l-effetti se jkunu kbar u jinħassu f’diversi setturi fosthom dak tat-turiżmu.
Huwa sostna: “Il-miri ta’ din l-istrateġija huma multiple, imma l-iktar importanti huma li nerġgħu nqajmu l-industrija turistika f’Malta li waqgħet ħafna u kulħadd jaf. L-industrija tal-akkomodazzjoni kollha li tolqot il-ħwienet, tolqot tar-ristoranti tolqot lil ħafna nies. Allura dik industrija li tikkontribwixxi ħmistax fil-mija tal-GDP tagħna imma mbagħad għandha ħafna benefiċċji oħra, il-fallout tagħha li tkun tinħass fl-ekonomija.”