Il-linja nazzjonali tal-ajru, l-Air Malta ħabbret li f’Ġunju li ġej se tkompli żżid is-servizzi tagħha, filwaqt li se tkun qed testendi x-xiri tal-biljetti mill-ġdid mingħajr ħlas sal-aħħar ta’ Ottubru li ġej.
Fi stqarrija, l-Air Malta qalet li qed tippjana li jkollha 51 titjira ta’ ritorn kull ġimgħa lejn 15-il destinazzjoni f’Ġunju fosthom b’titjiriet aktar frekwenti lejn il-bliet Ewropej ta’ Lisbona, Munich, Praga u Vjenna.
Il-Kap Kummerċjali tal-Air Malta Roy Kinnear qal li l-linja tal-ajru rat żieda fid-domanda ta’ vjaġġi lejn pajjiżna, u dan b’riżultat li diversi pajjiżi qed inaqqsu r-restrizzjonijiet tal-ivvjaġġar tagħhom u jqiegħdu lill-gżejjer Maltin fuq il-listi tal-ivvjaġġar siguri tagħhom. Iż-żieda qed tiġi nnotata partikolarment mis-suq Ġermaniż u Olandiż.
Is-Sur Kinnear fakkar kif kmieni dan ix-xahar, l-Air Malta ħabbret li se jkollha aktar minn 1,500 titjira ta’ ritorn dan is-sajf, filwaqt li toffri aktar minn nofs miljun post.
Fl-istqarrija tenniet illi l-linja tal-ajru se tkompli tapplika wkoll it-tariffa mnaqqsa għat-tibdil tal-isem ta’ €5 biss; bit-termini u kundizzjonijiet oħra tal-biljetti, inkluż li l-ivvjaġġar irid jsir sal-31 ta’ Diċembru 2021, se jibqgħu l-istess.