L-Air Malta se tibda topera servizz skedat ta’ darbtejn fil-ġimgħa lejn l-ajruport ta’ Comiso ta’ Sqallija, kull nhar ta’ Ġimgħa u nhar ta’ Ħadd mis-17 ta’ Diċembru.
In-nollijiet popolari mnedija riċentament “Go Light” tal-Air Malta se japplikaw fuq ir-rotta, li ser jagħmluha possibbli li tivvjaġġa għal €39 biss għal kull direzzjoni, bit-taxxi u t-tariffi inklużi fil-prezz.
Is-sajf li għadda l-linja tal-ajru Maltija reġgħet bdiet ukoll servizz skedat ta’ darbtejn sa tliet darbiet fil-gimgħa għal Palermo, il-belt kapitali ta’ Sqallija, u permezz ta’ 14-il titjira oħra fil-ġimgħa lejn Catania, l-Air Malta issa qiegħda taqdi tliet ajruporti għall-akbar gżira Mediterranja ġiriena, li toħloq konnessjonijiet ideali kemm għall-vjaġġaturi kif ukoll għat-turisti.
Din hija lewwel darba li l-Air Malta se tibda topera lejn dan l-ajruport Sqalli u din it-tħabbira tkompli ssaħħaħ il-pożizzjoni tal-linja tal-ajru fis-suq Sqalli b’mill-inqas 18-il titjira fil-ġimgħa matul din ix-xitwa bejn il-gżejjer.
It-titjiriet se jibdew jinbiegħu mit-Tnejn, 16 ta’ Ottubru. Fil-jiem li ġejjin il-klijenti se jkunu jistgħu jibbukkjaw it-titjiriet permezz ta’ www.airmalta.com, billi jċemplu ċ-Ċentru Telefoniku tal-Air Malta fuq +356 21662211, mill-uffiċċju tal-bejgħ tal-Air Malta fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta jew mill-Aġenti tal-Ivvjaġġar f’Malta u fl-Italja.