Il-linja Nazzjonali tal-Ajru l-Air Malta qalet li se terġa’ tibda titjiriet bejn Malta u l-ajruport ta’ Gatwick f’Londra, Madrid u Sheremyevo f’Moska għas-sajf li ġej. Fi stqarrija l-Air Malta qalet li se toffri servizz lejn Gatrick kuljum, filwaqt li se ttir darbtejn f’ġimgħa lejn Moska u tliet darbiet f’ġimgħa lejn Madrid.
Dawn it-tliet servizzi se jibdew jingħataw mis-27 ta’ Marzu li ġej, u b’hekk l-Air Malta se tkun qed toffri aktar minn 250 titjira fil-ġimgħa lejn 20 destinazzjoni. fost dawn se jkun hemm 15-il servizz lejn l-ajruport ta’ Heathrow f’Londra.
Dwar dan il-Kap Eżekuttiv tal-Air Malta David Curmi qal li li l-kumpanija qed taħdem bi sħiħ fuq skeda ambizzjuża ta’ titjiriet biex turi l-konvinzjoni tagħha li l-ivvjaġġar u t-turiżmu se jirpiljaw wara l-pandemija. Żied jgħid ukoll li l-pjan tal-kumpanija hi li tirdoppja l-kapaċità tagħha li tħaddem tul ix-xitwa.
Il-Kap Kummerċjali tal-Air Malta Roy Kinnear innota sinjali ta’ rkupru mis-swieq Ewropej, u fisser il-ħidma li saret fl-aħħar xhur biex tkun stabbilita strateġija b’saħħitha għall-bejgħ u d-distribuzzjoni. Fl-istess ħin il-kumpanija se tkompli ftehimiet oħra li għandha ma’ linji tal-ajru oħrajn, fosthom Emirates, Etihad, Lufthansa u Qatar Airways, li lkoll se jtejbu l-kapaċitajiet tan-network tagħha.