Minn nhar l-Erbgħa, 22 ta’ Ġunju, l-Air Malta se terġa’ tibda ttir lejn Terminal 4 fl-ajruport ta’ Heathrow, Londra.
Għal dawn l-aħħar sentejn l-Air Malta kienet qed topera mit-Terminal 2 minħabba t-tnaqqis fl-ivvjaġġar bl-ajru minħabba l-pandemija tal-COVID-19.
Fi stqarrija, l-Air Malta qalet li d-deċiżjoni tal-ajruport ta’ Heathrow li jerġa’ jibda l-operat minn Terminal 4 tikkonferma d-domanda b’saħħitha li qed tkompli tikber għall-ivvjaġġar bl-ajru.
L-ajruport ta’ Heathrow f’Londra huwa l-aktar rotta moqdija mill-Air Malta, bi 15-il titjira skedata fil-ġimgħa.
Intant, wara nuqqas ta’ aktar minn sena, l-Air Malta rritornat lura wkoll lejn it-tieni ajruport ta’ Londra, dak ta’ Gatwick, b’servizz kuljum.
Aktar informazzjoni dwar in-netwerk tat-titjiriet tal-linja tal-ajru hija
disponibbli fuq airmalta.com.