Il-linja tal-ajru l-Air Malta ħabbret li mexxiet ’il quddiem it-titjiriet lejn l-Ajruport ta’ Gatwick f’Londra. Dan hekk kif aktar kmieni l-Air Malta kienet ħabbret li dawn it-titjiriet kienu se jirritornaw fis-sajf tal-2022.
Fil-fatt it-titjiriet lejn Gatwick se jkunu qed jirritornaw fil-11 ta’ Diċembru li ġej u se jkunu qed isiru kull nhar ta’ Tnejn, l-Erbgħa u s-Sibt. Filwaqt fix-xitwa li ġejja, il-linja nazzjonali tal-ajru se tkun qed toffri titjiriet kuljum lejn l-ajruport ta’ Heathrow.
Hija qalet li dawn it-titjiriet lejn Gatwick se jiżdiedu flimkien mas-servizzi tax-xitwa 2021/22 li l-linja tal-ajru ħabbret aktar kmieni dan ix-xahar u huma konformi mal-istrateġija tal-Air Malta li tiffoka fuq swieq ewlenin, ajruporti ċentrali bi frekwenzi miżjuda.
B’kollox fix-xitwa l-Air Malta se tkun qed topera 70 servizz fil-ġimgħa għal 16-il destinazzjoni jiġifieri lejn Amsterdam, Berlin, Brussell, Katanja, Dusseldorf, Frankfurt, Pariġi Charles De Gaulle u Orly, Ruma Fiumicino, Gatwick u Heathrow f’Londra, Linate f’Milan, Lyon, Munich, Vjenna, u Zurich.