Mindu ngħalaq il-mitjar Malti minħabba l-imxija tal-Coronavirus f’pajjiżna, il-linja nazzjonali tal-ajru, l-Air Malta, ikkanċellat aktar minn 5,000 titjira.
Dan fixkel il-pjanijiet tal-ivvjaġġar għal aktar minn nofs miljun passiġġier, u sal-lum l-Air Malta rċeviet aktar minn 40,000 talba għal rifużjoni, prenotazzjoni mill-ġdid, jew għażla ta’ wieħed mit-tliet vouchers offruti lill-klijenti tagħha.
Fi stqarrija, l-Air Malta tenniet l-impenn tagħha lejn il-klijenti biex tonora t-talbiet għar-rifużjonijiet kollha u tipproċessa l-vouchers offruti biex bihom ikunu jistgħu jixtru titjiriet futuri.
Fi stqarrija, l-Air Malta qalet li l-għeluq tal-ajruporti u l-waqfien f’daqqa tad-dħul mill-bejgħ tal-biljetti, ma kienx xenarju li l-industrija tal-avjazzjoni qatt prevediet.
Għaldaqstant l-Air Malta qed toffri bosta għażliet għar-rifużjoni biex tiżgura l-istabilità finanzjarja u l-operat ta’ dawk kollha involuti fl-istess waqt li tiffaċilita t-tabliet tal-klijenti.
L-Air Malta qalet li tifhem it-tħassib tal-klijenti bid-dewmien biex jirċievu t-tweiġibiet iżda spjegat li huwa impossibbli li kulħadd jirċievi risposta mill-ewwel.
L-Air Malta rringrazzjat lill-klijenti tagħha għall-paċenzja f’dawn iż-żminijiet diffiċli u esprimiet it-tama li l-iskeda tat-titjiriet il-ġdida li se tibda topera mill-ewwel ta’ Lulju, toffri l-opportunità lil aktar nies biex jivvjaġġaw.