L-ajruplani l-ġodda li l-linja nazzjonali tal-ajru l-Air Malta se tkun qed tikri flok dawk eżistenti se jiffrankaw mal-kwart tal-fjuwil tal-ajruplani l-qodma.
Din il-ġimgħa fil-Parlament, il-Ministru politikament responsabbli mill-Air Malta, Clyde Caruana nnota li l-flotta tal-Air Malta hija ta’ tmien ajruplani u mhux se tiżdied jew tonqos.
Saħaq li l-ajruplani li mistennija jiġu mikrija u jieħdu post il-qodma, se jiffrankaw anki flus kbar lill-Air Malta.
Qal, “Dawn l-ajruplani, wieħed mill-vantaġġi illi għandhom huwa dak li huma ħafna iktar fuel efficient. Jekk mhux sejjer żball l-effiċjenza tal-fjuwil tagħhom għall-kuntrarju tal-ajruplani preżenti hija bejn wieħed u ieħor ta’ xi 25% inqas, jiġifieri jikkunsmaw 25% inqas fjuwil u allura t-tħaddim tagħhom eventwalment għandu wkoll jiffranka aktar flus lill-kumpanija.”
Il-Ministru għall-Finanzi qal li fatt ieħor importanti għall-Air Malta hu li l-kuntratti ta’ kiri t’ajruplani ġodda se jkunu orħos minn dawk il-kuntratti ta’ kiri eżistenti.
Il-Ministru Clyde Caruana kien ħabbar pjan ta’ ristrutturar għall-Air Malta biex din tibqa’ waħda vijabbli.
Il-pjan qed jara wkoll li filwaqt li joffri futur għall-Air Malta, ikun assigurat li l-ebda ħaddiem ma jispiċċa bla xogħol u numru ta’ ħaddiema qed jingħataw iċ-ċans li jmorru jaħdmu mal-Gvern.
Bosta msieħba kienu laqgħu l-pjan ċar tal-Gvern għall-Air Malta u nnutaw kemm il-Ministru għall-Finanzi ħa deċiżjonijiet sensibbli, realistiċi u favur il-vijabilità tal-kumpanija tal-ajru.
Fost dawk li laqgħu l-pjan tal-Gvern għall-Air Malta kien hemm il-Kamra tal-Kummerċ, l-Assoċjazzjoni Maltija għas-Sidien tar-Ristoranti u l-Lukandiera, l-MHRA u l-Assoċjazzjoni Għawdxija għat-Turiżmu.