Minn kumpanija falluta għal waħda ta’ suċċess. Dan kien kliem is-sit tal-aħbarijiet BBC dwar il-linja Nazzjonali tal-ajru Maltija l-Air malta.
L-artiklu intitolat How a struggling airline went soaring through the cloud jinnota kif wara għoxrin sena tirreġistra telf l-Airmalta s-sena l-oħra rreġistrat surplus ta’ 1.2 miljun.
Huma nnutaw kif l-Airmalta kien qed ikollha tikkompeti ma’ linji tal-ajru ferm akbar minnha u ta’ kuljum ikollha tagħmel xogħol importanti għall-pajjiż fosthom servizzi postali u ambulanza tal-ajru.
Alan Talbot, kelliem għall-kumpanija spjega kif permezz ta’ użu aħjar tat-teknoloġija l-airmalta rnexxiela tirreġistra żieda kbira ta’ passiġġieri li jtiru magħha.
Dan sar possibbli billi l-Airmalta għaqqdet is-sistemi online tagħha ma’ dawk ta’ kumpaniji oħrajn bħal Ryan Air. Bis-saħħa t’hekk klijenti ta’ kumpaniji ferm akbar mill-Airmalta jistgħu jixtru servizzi offruti mil-linja Nazzjonali minn fuq is-siti u pjattaformi rispettivi.
Gabor Bukta, analista tal-avjazzjoni f’Budapest spjega wkoll li parti mis-suċċess tal-Air malta kienet id-deċiżjoni għaqlija li biegħet d-drittijiet ta’ nżul tagħha f’ajruporti Ingliżi lill-Gvern.
L-artiklu tal-BBC għalaq billi rrimarka li minkejja ċ-ċokon tagħha l-Air malta għandha ambizzjonijiet kbar fosthom li ssir il-linja tal-ajru tal-Mediterran.
Intant bħala parti mill-pjan ta’ tibdil tal-flotta, l-kumpanija Airbus għadha kif lestiet ajruplan ieħor ġdid tat-tip Airbus A320 Neo li l-Airmalta ordnat fl-aħħar xhur. Dan se jkun it-tielet ajruplan ġdid tal-flotta li mistenni jasal f’pajjiżna fil-ġimgħat li ġejjin.
Il-Ministru għat-Turiżmu Konrad Mizzi kien qal li dan se jsir sabiex l-Airmalta tkun tista tibda tagħmel użu minn ajruplani aktar effiċjenti li jaħlu anqas fuel u jagħmlu anqas ħsara lill-ambjent.