L-Air Malta ġiet ikklassifikata bħala l-ħames l-aħjar kumpanija tal-ajru reġjonali fl-Ewropa għall-2017 fi “TripAdvisor Travellers’ Choice Awards” għal-linji tal-ajru.
Il-klassifikazzjoni, maħruġa mill-akbar sit tal-ivjaġġar tad-dinja, telenka l-aħjar linji tal-ajru fid-dinja f’kategoriji diversi għas-servizz, kwalità u valur eċċellenti kif ikklassifikati mill-vjaġġaturi.
Ir-rebbieħa tal-premjijiet ġew stabbiliti permezz ta’ algorittmu li qies il-kwantità u l-kwalità tar-‘reviews’ u tal-klassifikazzjonijiet tal-linja tal-ajru sottomessi minn vjaġġaturi madwar id-dinja, fuq perjodu ta’ 12-il xahar.
Ir-riżultati kienu ibbażati fuq ir-‘reviews’ sottomessi minn passiġġieri tal-Air Malta fuq TripAdvisor. “Travellers’ Choice” huwa programm ta’ għoti ta’ premjijiet ewlieni ta’ TripAdvisor fl-ivjaġġar u fl-ospitalità, u juri biċ-ċar il-lat tal-vjaġġaturi mingħajr lebda involviment kummerċjali.
F’kumment dwar dan is-suċċess, is-Sur Paul Sies, Uffiċjal Kap Kummerċjali iddikjara, “Jiena tassew kburi b’din il-kisba. Din hija aħbar tajba oħra għall-Air Malta. Aħna ferħanin b’dan ir-riżultat li hu bbażat fuq evalwazzjonijiet imparzjali u fuq il-feedback tal-passiġġieri. U għalkemm aħna kritiċi ħafna tagħna nfusna, dan jirrifletti l-impenn tal- ħaddiema tagħna li jagħtu esperjenza tal-ivjaġġar superjuri lill-klijenti tagħna anke fi żminijiet ta’ sfida. Nixtieq nirringrazzja lill-ħaddiema kollha u speċjalment lill-“front-liners” u l-ħaddiema fil-“back-office” li jemmnu li l-Air Malta hija aktar minn sempliċi linja tal-ajru. Huma jaħdmu flimkien bla heda biex jipprovdu servizz tajjeb lill-klijenti tagħna. Huwa permezz tal-isforzi tagħhom li jirnexxielna niksbu evalwazzjonijiet tajbin bħal dawn.”
“Aħna qed naħdmu ħafna biex noffru tariffi li jkunu ta’ valur għall-flus u fl-istess ħin nipprovdu servizz tajjeb lill-klijenti tagħna. Il-klijenti tagħna jagħtu valur lill-iskedi u s-servizzi tagħna u aħna qegħdin fi proċess mal-impjegati tagħna biex inkomplu ntejbuhom, niżviluppaw aspetti ġodda tas-servizz u nipprovdu prodott aħjar fix-xhur li ġejjin”, żied is-Sur Sies.
Il-vjaġġaturi għażlu l-Air Malta fil-kategorija Reġjonali u ta’ prezz Baxx segwita minn Aegean, S7 Airlines u Monarch. L-aħjar tliet linji tal-ajru fid-dinja kif ikklassifikati minn TripAdvisor huma Emirates, Singapore Airlines u Azul tal-Brażil, filwaqt li l-aħjar linji Ewropej kienu Aeroflot, Turkish Airlines u KLM.