L-Air Malta hija lesta li tiffirma l-ftehim li laħqet mal-unjin tal-bdoti l-ALPA.
Fi stqarrija, il-linja tal-ajru Maltija wieġbet rapporti fuq il-midja li qalu li l-ALPA marret il-Qorti llum biex tiċħad akkużi li marret għall-azzjonijiet industrijali għax il-Gvern irrifjuta li jagħti s-somma ta’ seba’ mitt elf ewro lill-bdoti li riedu jirtiraw kmieni.
L-Air Malta qalet li m’hemm l-ebda kwistjonijiet pendenti bejn iż-żewġ naħat, u qed tħares ’il quddiem biex tiffirma l-ftehim hekk kif maqbul fid-disgħa u għoxrin ta’ Ġunju li għadda.
L-Air Malta rrimarkat li stiednet lill-ALPA biex tipproponi ġurnata għal meta għandu jiġi ffirmat il-ftehim.
Fl-istqarrija, il-linja tal-ajru Maltija qalet li kienet sorpriża li qed jingħad li hemm bżonn iktar diskussjonijiet u negozjati, meta mhux il-każ.
L-istqarrija temmet tgħid li l-ftehim milħuq bejn l-Air Malta u l-ALPA f’Ġunju li għadda, iċċara kull kwistjoni li seta’ kien hemm minn Mejju tas-sena l-oħra, u issa hemm biss l-għan li jiġi pprovdut qafas għall-piloti u għall-Air Malta ħalli flimkien jaħdmu għall-ġid u t-tkabir tal-kumpanija.