L-Air Malta trid qbil permanenti fuq proċess fond ta’ ristrutturar li jassigura l-futur tal-linja nazzjonali tal-ajru wara l-pandemija. Fi stqarrija, is-Sibt filgħaxija, l-Air Malta qalet li kienet infurmata li disgħin fil-mija tal-ħaddiema tal-ekwipaġġ tal-Air Malta vvutaw favur l-offerta tal-linja nazzjonali tal-ajru li biha l-ħaddiema li baqgħu d-dar u mhux jaħdmu jirċievu salarju ta’ elf u mitejn ewro fix-xahar.
One.com.mt huwa infurmat li l-vot sar wara li l-unjin tal-ħaddiema tal-ekwipaġġ tal-Air Malta rrifjutat għall-erba’ darbiet il-pakkett soċjali tal-Air Malta. Fi stqarrija l-Air Malta nnutat li aktar qabel, il-kumitat eżekuttiv tal-unjin tal-ħaddiema tal-ekwipaġġ vvota biex ma jħalliex lill-membri tal-unjin jagħtu l-opinjoni dwar l-offerta tal-Air Malta. “Kien wara li l-Air Malta kitbet lid-Dipartiment għar-relazzjonijiet industrijali u tal-impjieg u wriet l-intenzjoni li twaqqaf l-impjieg tal-ħaddiema tal-ekwipaġġ, li l-unjin tal-ħaddiema tal-ekwipaġġ qablet li jittieħed vot fuq l-offerta tal-kumpanija tal-ajru”, sostniet l-Air Malta.
L-Air Malta saħqet li għad trid tikkonvinċi ruħha dwar ir-rieda tal-unjin sabiex il-linja nazzjonali tal-ajru jkollha assigurazzjoni li jintlaħaq qbil permanenti komprensiv. Fil-fatt l-Air Malta qalet li l-fiduċja bejn iż-żewġ partijiet ixxaqqet wara l-iżviluppi li ġraw. Intant il-unjin tal-bdoti, l-ALPA baqgħu ma weġbux dwar l-offerta tal-Air Malta.