Il-linja nazzjonali tal-ajru, l-Air Malta, iffrankat ħames miljuni u nofs ewro lill-pajjiż fil-ġarr ta’ madwar tmien mitt tunnellata b’merkanzija medika fl-eqqel tal-pandemija.
L-Air Malta daħlet hi biex tikkordina mal-imsieħba kummerċjali tagħha fil-ġarr tal-akbar kunsinja ta’ tagħmir għall-ħaddiema li jinsabu fuq quddiem fil-ġlieda kontra l-imxija.
Fi stqarrija l-Air Malta qalet li għalkemm l-linja tal-ajru għamlet tentattiv biex tara kienx jaqbel li ġġorr hi stess dawn l-eluf ta’ tunnellati f’merkanzija miċ-Ċina, ħareġ li ma kienx loġistikament vijabbli għall-Air Malta biex topera aktar min mitt titjijra lejn iċ-Ċina biex iġġib din it-tagħbija kbira.
Dan minbarra li kien hemm ukoll ir-restrizzjonijiet ta’ kwarantina fuq l-ekwipaġġ biex joperaw lejn iċ-Ċina f’dak iż-żmien.
Kien permezz tal-kuntatti eċċellenti li għandha l-Air Malta mal-Qatar Airways permezz anke tal-Kap Eżekuttiv, il-Kaptan Clifford Chetcuti u l-ħaddiema beżlin tas-sezzjoni tal-merkanzija tal-kumpanija li nstabet soluzzjoni loġistika biex tinġarr din it-tagħbija.
Soluzzjoni li wasslet ukoll għal spiża ferm inqas hekk kif permezz ta’ tmien titjiriet b’ajruplani tat-tip Boeing 777, il-linja tal-ajru Qatar Airways għenet iġġorr il-merkanzija lejn pajjiżna.
Il-Ministru Silvio Schembri faħħar dan l-intervent strateġiku tal-Air Malta hekk kif it-tagħbija mhux biss waslet Malta f’ħin rekord, iżda fuq kollox ġew frankati miljun ta’ flus fi spejjeż.
B’dawn il-fondi, pajjiżna seta’ jixtri aktar ilbies protettiv għall-ħaddiema tal-isptar u l-ħaddiema l-oħra fuq quddiem fil-ġlieda kontra l-imxija biex jassigura li jkun preparat għall-pandemija.