Minn Settembru li ġej l-Air Malta se tibda topera servizz ta’ darbtejn fil-ġimgħa kull nhar ta’ Tnejn u Ġimgħa lejn il-belt kapitali tal-Eġittu, il-Kajr.
Dan is-servizz se jibqa’ għaddej matul ix-xitwa kollha.
“Din ir-rotta, li qed tiġi introdotta wara nuqqas ta’ 12-il sena, se tkompli ssaħħaħ il-preżenza tagħna fl-Afrika ta’ Fuq wara l-introduzzjoni mill-ġdid b’suċċess ta’ servizzi simili lejn Tuneż u l-Marokk. Qed naħdmu ħafna biex niżguraw suċċess simili u għażilna l-ħinijiet tat-titjira biex noffru konnettività tajba bejn il-Kajr u l-ibliet ewlenin tal-Ewropa minn Malta. L-introduzzjoni ta’ din ir-rotta ssegwi l-istrateġija attwali tagħna ta’ tkabbir biex nikkollegaw aħjar il-Gżejjer Maltin”, qal iċ-Chairman tal-Air Malta, Dr Charles Mangion.
L-iskeda ta’ titjiriet se taħdem kif ġej (il-ħinijiet huma kollha lokali):
It-Tnejn u l-Ġimgħa
KM 710 Tluq Malta 23:40 Wasla Il-Kajr 02:15
KM 711 Tluq Il-Kajr 03:15 Wasla Malta 06:20
Il-Kajr, li tinsab fuq ix-xtut tax-Xmara Nil, hija waħda mid-destinazzjonijiet l-aktar mfittxija fid-dinja. Inti u tesplora din il-belt sabiħa tgħix esperjenza unika li tieħdok fi vjaġġ sabiħ lura fiż-żmien.
Il-piramidi huma l-monument l-aktar magħruf li wieħed għandu jesplora meta jżur il-Kajr. Wieħed jista’ jżur ukoll il-mużew Eġizzjan, fejn tinsab waħda mill-akbar kollezzjonijiet fid-dinja ta’ artefatti antiki li tinkludi t-teżori ta’ Tutankhamun. Il-Mużew Koptiku mill-isbaħ joffri lill-viżitaturi l-opportunità li jaraw l-Arti Koptika li tmur lura għall-ewwel jiem tal-Kristjaneżmu fl-Eġittu.
Ix-xena kulinari lokali hija ddominata minn platti tradizzjonali bnini u mħawrin bħall-Hawawshi. Dan l-ikel Eġizzjan tipiku tista’ ssibu wkoll mingħand il-bejjiegħa tat-toroq jew f’ristoranti eleganti ta’ ħames stilel.
Il-klijenti jistgħu jibbukkjaw it-titjiriet minn fuq www.airmalta.com bi prezzijiet one-way li jibdew minn €71 eslużi t-taxxu u tariffi oħra, jew billi jċemplu liċ-Ċentru Telefoniku tal-Air Malta fuq +356 21662211, mill-uffiċċju tal-bejgħ tal-Air Malta fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta jew mill-Aġenti tal-Ivvjaġġar f’Malta u fl-Eġittu. Jistgħu japplikaw tariffi għat-telefonati.