Mis-sajf li ġej, il-linja nazzjonali tal-ajru l-Air Malta se tibda ttir lejn Varsavja fil-Polonja u lejn il-Kajr fl-Eġittu. Żewġ rotot ġodda li meta tgħaqqadhom mal-erbgħin eżistenti se jagħmlu l-istaġun tas-sajf għall-Air Malta wieħed impenjattiv ħafna.
Dan tħabbar il-Ħamis filgħaxija waqt il-ftuħ tas-sitta u għoxrin edizzjoni tal-fiera AMITEX, fis-sena li l-Air Malta se tfakkar il-ħamsa u erbgħin sena mit-twaqqif tagħha.
Il-Ministru tat-Turiżmu Konrad Mizzi qal li l-bidla fil-linja tal-ajru Maltija qed issir u se tkompli ssir, u r-riżultati pożittivi fl-aħħar snin qed juru sinjal pożittiv għall-ġejjieni tal-kumpanija.
“F’dan l-ambitu dan is-sajf se jkollna waħda 41 rotta minn Malta permezz tal-Air Malta, rotot ġodda bħal Varsavja u t-tieni waħda hija l-Kajr ġewwa n-North Africa. Biex b’hekk inkomplu ngħaqqdu aktar bliet kapitali Ewropej kif ukoll bliet oħra fin-North Africa, biex il-Mediterran kollu jkun covered mill-Air Malta,” saħaq il-Ministru Mizzi.
Preżenti għall-ftuħ tal-fiera kien hemm iċ-Chairman tal-AirMalta, Charles Mangion li saħaq kif permezz ta’ wieħed u għoxrin rotta ġdida li ġew introdotti fl-aħħar sentejn kien hemm żieda fit-turisti li żaru pajjiżna.
L-Air Malta qed taħdem ukoll biex itejjeb l-esperjenza tal-passiġġieri fuq it-titjira, fost l-oħrajn b’titjib fil-menu abbord. Minn April, il-linja nazzjonali tal-ajru se toffri wkoll servizz komprensiv fl-ikel għall-passiġġieri li jagħżlu li jivvjaġġaw fis-sezzjoni kummerċjali.
Il-fiera annwali tal-AMITEX tiġbor taħt saqaf wieħed diversi kumpaniji tal-ivvjaġġar fl-MFCC f’Ta’ Qali, u se tibqa’ miftuha sal-Ħadd li ġej.