Il-linja nazzjonali tal-ajru, l-Air Malta, ħarġet b’sett ta’ proposti lill-Unjin tal-Cabin Crew, bħala parti mill-impenn tagħha li tissalvagwardja l-impjiegi.
Paripassu mal-pjan ta’ operat tal-linja tal-ajru Maltija għal wara li tgħaddi l-pandemija tal-coronavirus, l-Air Malta proponiet mekkaniżmu li jara li s-sigħat ta’ xogħol meħtieġa għat-titjiriet li qed tippjana li topera, jinqasmu bejn 188 membru tal-ekwipaġġ li bħalissa jinsabu b’kuntratt indefinit.
L-Air Malta qed tipproponi wkoll li l-membri tal-ekwipaġġ li għandhom kuntratt definit, jinżammu xorta fuq il-kotba tax-xogħol tal-kumpanija mingħajr ma jidħlu għax-xogħol. Dawn jissejħu għall-ħidma meta terġa’ tiżdied id-domanda li għalissa tkun qed tintlaħaq bil-membri li għandhom kuntratt indefinit.
Iċ-Chairman tal-Air Malta Charles Mangion spjega li fuq dan il-punt, kien hemm nuqqas ta’ qbil.
Huwa stqarr: “Tajjeb li ngħid li l-proposti li għamilna jħarsu l-interessi tal-kumpanija imma wkoll iħarsu kemm jista’ jkun li aħna nimminimizzaw li l-kumpanija tirrikorri għar-redundances.”
Fi stqarrija, l-Air Malta kkundannat b’saħħa l-attitudni tal-Union tal-Cabin Crew u qalet li billi toqgħod ’il bogħod milli tiddiskuti, il-unjin qiegħda biss tiddiskrimina l-membri tagħha u tipproteġi biss lill-membri b’kuntratt indefinit.
In-Nutar Charles Mangion appella biex il-Union tal-Cabin Crew tippreżenta l-proposti msemmija għall-vot lill-membri tagħha, ħalli l-Air Malta tkun tista’ tieħu deċiżjoni definittiva għat-triq ’il quddiem.
Is-Sur Mangion sostna: “Jien inħoss li dan it-tip ta’ kompromess li huwa win-win situation fiċ-ċirkostanzi, għandu jmur għall-vot popolari tal-membri tal-unjin kollha u jkunu l-membri li jiddeċiedu fuq il-futur tagħhom.”