L-Air Malta nediet offerta esklussiva għall-istudenti li attwalment qegħdin isegwu programm edukattiv full-time f’Malta jew barra minn Malta.
Bħala parti mill-kampanja tagħha “We Care More”, il-linja tal-ajru issa qiegħda toffri allowance bla ħlas ta’ piż żejjed ta’ 20kg fuq il-bagalji checked-in speċifikament għallistudenti. Għalhekk, permezz ta’ din l-offerta, l-Air Malta qed tagħti lill-istudenti totali ta’ 50kg ta’ bagalji b’xejn, anke meta jivvjaġġaw fuq l-irħas nollijiet tagħha.
Fi stqarrija l-Air Malta qalet li tixtieq li l-istudenti jkollhom l-aħjar għażla ta’ vvjaġġar meta jużaw is-servizzi tagħha. Il-linja tal-ajru tifhem li xi studenti jkollhom bżonn isiefru b’ħafna bagalji bħala parti mill-istudji tagħhom, u permezz ta’ din l-offerta, l-Air Malta qiegħda tiżgura li l-istudenti jesperjenzaw vjaġġ mingħajr stress u mingħajr problemi meta jużaw is-servizzi tagħha.
Sabiex jirreġistraw għal din l-offerta fantastika, l-istudenti huma mistiedna li jżuru s-sit tal-Air Malta u jimlew formola onlajn millinqas ħamest ijiem qabel ma jivvjaġġaw.