L-Air Malta fetħet mandat ta’ inibizzjoni kontra l-Assoċjazzjoni tal-Piloti minħabba diżgwid industrijali li ġie rreġistrat mill-istess unjin.
Wara l-iffirmar tal-Ftehim Kollettiv ġdid f’Jannar ta’ dis-sena, l-Air Malta u l-ALPA kienu f’diskussjonijiet fuq l-interpretazzjoni ta’ diversi partijiet tal-ftehim kollettiv.
Fi stqarrija, l-Air Malta qalet li l-ALPA qed tinterpreta l-klawżoli b’mod ta’ żvantaġġ u mhux ġust fuq l-Air Malta.
Intqal li fl-aħħar xhur, l-ALPA ħarġet diversi rakomandazzjonijiet lill-membri tagħha biex isegwu prattiċi restrittivi li jillimitaw il-flessibilta u l-produttivita tal-linja tal-ajru.
Dawn l-hekk imsejħa rakomandazzjonijiet affetwaw b’mod negattiv l-operat tal-linja tal-ajru u lill-klijenti tagħha, filwaqt li ssarrfu f’dewmien fuq diversi titjiriet.
Hawnhekk issemma l-każ tad-19 ta’ Settembru, meta l-Air Malta saħansitra kellha tikkanċella titjira lejn Pariġi wara li l-ALPA avżat lill-membri tagħha li ma kinux xogħol biex ma jaċċettawx it-titjira, u lill-piloti standby biex iċemplu sick.
Il-linja tal-ajru kkundannat bil-qawwa l-azzjonijiet tal-ALPA u qalet li se tagħmel minn kollox biex tipproteġi l-interessi tagħha u tal-passiġġieri, filwaqt li tnaqqas l-interruzzjonijiet.
L-Air Malta fetħet il-mandat ta’ inibizzjoni fuq il-bażi li l-unjin ma segwitx il-konċiljazzjoni mandatorja u l-proċeduri t’ arbitraġġ li ġew mifthema fil-ftehim kollettiv.