Ajruplan tal-Linja Nazzjonali tal-Ajru l-Air Malta ttajjar lejn il-Libja għall-ewwel darba wara seba’ snin. It-titjira niżlet fl-Ajruport ta’ Mitiga fi Tripli, u fuqha kien hemm delegazzjoni mmexxija mill-Ministru għall-Finanzi Clyde Caruana u ċ-Chairman Eżekuttiv tal-Air Malta David Curmi.
Waqt iż-żjara ġew diskussi diversi temi, kif se jkomplu t-titjiriet bejn iż-żewġ pajjiżi, u żjara minn esperti tas-sigurtà fl-avjazzjoni mill-Ministeru għall-Intern fi Tripli u mill-Ajruport ta’ Misurata.
Il-Ministru Clyde Caruana fisser dan kollu bħala sinjal pożittiv, u li ż-żewġ partijiet se jkomplu jaħdmu flimkien biex jaraw progress fl-avjazzjoni. Temm ifakkar ukoll li fl-aħħar deċennji, Malta u l-Libja appoġġjaw lil xulxin f’bosta istanzi, u se ssir ħidma biex ir-relazzjoni diġà qawwija bejn il-pajjiżi tkompli tissaħħaħ.