Fil-ġimgħa li l-Air Malta ċċelebrat l-20 sena mill-ewwel titjira lejn Praga, il-Prim Ministru fuq ONE Radio saħaq li l-ġejjieni tal-Air Malta huwa wieħed tajjeb ħafna. Il-kumpanija nazzjonali tal-ajru trid tikber u mhux tiċkien.
“Irnexxielna li l-Air Malta npoġġuha mill-ġdid fuq saqajha. Sar xogħol tajjeb ħafna fil-leġiżlatura li għaddiet u tkompla f’din il-leġiżlatura… Wara 18 -il sena, l-Air Malta tagħmel telf, għall-ewwel sena l-Air Malta għamlet qliegħ.”
Il-Prim Ministru kompla billi qal li l-Air Malta għandha viżjoni ċara ħafna, permezz anke ta’ flotta ġdida li hija ekonomika ħafna aktar, it-titjiriet lejn destinazzjonijiet li huma kruċjali għalina imma li nħarsu wkoll lejn destinazzjonijiet ġodda li huma ta’ tul medju u anka ta’ aktar fit-tul illi nidħlu flimkien ma’ żviluppi ġodda fil-qasam tal-avjazzjoni f’pajjiżna.
“Jien ċert li ħa nkunu qed nirnexxu. Biex nirnexxu imma, kulħadd irid jiġbed ħabel wieħed. Jien mhux ħa noqgħod nidħol fi kwistjonijiet ta’ bejn kategorija u oħra ta’ dak li jintqal u ma jkunx qed jintqal. It-talbiet kulħadd jaf x’kienu li kellna quddiemna. Il-Gvern dejjem miftuħ għal talbiet realistiċi. Il-Gvern ikun irresponsabbli jekk talbiet mhux realistiċi jagħti widen għalihom. U naħseb in-nies jafu jiżnu sewwa x’inhuwa realistiku u x’ m’huwiex realistiku,” kompla l-Prim Ministru.
Fuq tema oħra esprima wkoll is-sodisfazzjon għar-riżultat miksub fis-settur tas-saħħa fejn pajjiżna rreġistra l-aħjar rata fl-Ewropa ta’ persuni li jgħixu wara li jkunu sofrew minn kanċer tas-sider.
“Jien naħseb li fil-qasam tas-saħħa qed isir xogħol impekkabli. Il-proġetti li hawn f’dan il-qasam se jkunu qegħdin jibdlu l-wiċċ tas-settur tas-saħħa li diġa’ huwa fost l-aqwa fid-dinja imma ħa jkomplu javvanzawh ‘il quddiem,” temm il-Prim Ministru.
Muscat irrimarka li f’dan il-qasam mhux biss bqajna quddiem nett imma ħa nkomplu mexjin aktar ‘il quddiem.